EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

It-Trasferiment ta’ Data Personali lil pajjiżi mhux tal-UE: Klawżoli Kuntrattwali Xierqa

Legal status of the document This summary has been archived and will not be updated, because the summarised document is no longer in force or does not reflect the current situation.

It-Trasferiment ta’ Data Personali lil pajjiżi mhux tal-UE: Klawżoli Kuntrattwali Xierqa

 

SOMMARJU TA’:

Id-Deċiżjoni 2010/87/UE dwar klawżoli kuntrattwali standard għat-trasferiment ta’ data personali għall-proċessuri stabbiliti f’pajjiżi terzi, taħt id-Direttiva 95/46/KE

X’INHU L-GĦAN TAD-DEĊIŻJONI?

Din tistabbilixxi klawżoli kuntrattwali xierqa li jistgħu jintużaw mill-kontrolluri tad-data* (esportaturi) fl-UE li jittrasferixxu data personali* lill-proċessuri tad-data* (importaturi) stabbiliti barra mill-UE jew iż-ŻEE, biex jipprovdu salvagwardji xierqa tal-protezzjoni tad-data u b’hekk jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-liġijiet tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data(ir-regolament ġenerali dwar il-protezzjoni tad-data — ir-Regolament (UE) 2016/679 — ara s-sommarju).

PUNTI EWLENIN

Il-klawżoli kuntrattwali xierqa huma stabbiliti fl-anness tad-deċiżjoni kif ġej. Il-klawżoli kuntrattwali xierqa jirrelataw biss mal-protezzjoni tad-data u jistgħu jiġu inklużi mill-partijiet f’kuntratt usa’ jew jiġu supplimentati bi klawżoli oħrajn jew salvagwardji addizzjonali, sakemm ma jmorrux kontra, direttament jew indirettament, il-klawżoli kuntrattwali xierqa adottati b’din id-deċiżjoni.

Klawżola 1: Definizzjonijiet

Id-definizzjonijiet ta’ kunċetti ewlenin użati fil-klawżoli kuntrattwali xierqa huma stabbiliti.

Klawżola 2: Dettalji tat-trasferiment

Il-partijiet għandhom jelenkaw, f’anness għall-klawżoli kuntrattwali, id-dettalji tat-trasferimenti, inklużi l-attivitajiet rilevanti tal-importatur u l-esportatur tad-data, il-kategoriji ta’ data personali trasferita u l-operazzjonijiet ta’ pproċessar li d-data personali se tiġi soġġetta għalihom ladarba tiġi trasferita.

Klawżola 3: Klawżola tal-parti terza benefiċjarja

Il-klawżola tippermetti lis-suġġetti tad-data jinfurzaw bosta mill-klawżoli kontra l-esportatur tad-data, l-importatur tad-data jew is-sottoproċessur bħala benefiċjarju ta’ parti terza. Barra minn hekk, tipprovdi li l-partijiet ma joġġezzjonawx għal suġġett tad-data li jkun irrappreżentat minn assoċjazzjoni jew korp ieħor jekk permess mil-liġi nazzjonali.

Klawżola 4: Obbligi tal-esportatur tad-data

Din il-klawżola tistabbilixxi l-obbligi kuntrattwali tal-esportatur tad-data, li għandu jaqbel u jiggarantixxi li:

  • jipproċessa d-data personali biss skont il-liġi dwar il-protezzjoni tad-data;
  • jagħti istruzzjonijiet lill-importatur tad-data biex jipproċessa d-data f’isem l-esportatur tad-data biss u skont il-liġi tal-protezzjoni tad-data u l-klawżoli;
  • jipprovdi (u jikkonforma ma’) garanziji suffiċjenti fir-rigward ta’ miżuri tekniċi u organizzattivi ta’ sigurtà biex jipproteġu d-data personali kontra qerda aċċidentali jew illegali, telf, alterazzjoni, żvelar jew aċċess mhux awtorizzat, b’mod partikolari fejn l-ipproċessar ikun fuq network;
  • jinforma lis-suġġett tad-data jekk kategoriji speċjali ta’ data jistgħu jiġu trażmessi lil pajjiż mhux tal-UE bi protezzjoni tad-data inadegwata;
  • jibgħat in-notifika li jkun irċieva mill-importatur tad-data dwar in-nuqqas ta’ kapaċità ta’ dan tal-aħħar li jikkonforma mal-klawżoli lill-awtorità superviżorja kompetenti, jekk jiddeċiedi li jkompli t-trasferiment;
  • jagħmel disponibbli lis-suġġetti tad-data, fuq talba, kopja tal-klawżoli, b’deskrizzjoni fil-qosor tal-miżuri tas-sigurtà;
  • fil-każ ta’ sottoproċessar, is-sottoproċessur għandu jipprovdi mill-inqas l-istess livell ta’ protezzjoni tad-data personali bħall-importatur tad-data.

Klawżola 5: Obbligi tal-importatur tad-data

Din il-klawżola tistabbilixxi l-obbligi kuntrattwali tal-importatur tad-data, li għandu jaqbel u jiggarantixxi:

  • li jipproċessa d-data personali biss f’isem l-esportatur tad-data u f’konformità mal-istruzzjonijiet u l-klawżoli tiegħu;
  • li ma għandu l-ebda raġuni biex jemmen li l-leġiżlazzjoni applikabbli għalih ma tippermettilux li jissodisfa l-istruzzjonijiet riċevuti mill-esportatur tad-data u l-obbligi tiegħu skont il-kuntratt;
  • li jinnotifika minnufih kwalunkwe bidla f’din il-leġiżlazzjoni li x’aktarx ikollha effett negattiv sostanzjali fuq il-garanziji u l-obbligi pprovduti mill-klawżoli, f’liema każ l-esportatur tad-data jkun intitolat jissospendi t-trasferiment tad-data u/jew itemm il-kuntratt;
  • li jimplimenta miżuri tekniċi u organizzattivi tas-sigurtà speċifikati qabel ma jipproċessa d-data personali ttrasferita;
  • li jinnotifika minnufih lill-esportatur tad-data dwar talbiet għall-iżvelar ta’ data personali minn awtorità tal-infurzar tal-liġi, kwalunkwe aċċess aċċidentali jew mhux awtorizzat, u kwalunkwe talba li tasal direttament mis-suġġetti tad-data mingħajr ma jwieġeb għat-talba, sakemm ma jkunx awtorizzat mod ieħor;
  • li jittratta minnufih il-mistoqsijiet kollha mill-esportatur tad-data u li jirrispetta l-parir tal-awtorità superviżorja;
  • fuq talba tal-esportatur tad-data, li jissottometti l-faċilitajiet tiegħu għall-ipproċessar ta’ data għall-verifika tal-attivitajiet tal-ipproċessar koperti mill-klawżoli;
  • li jagħmel disponibbli lis-suġġetti tad-data, fuq talba, kopja tal-klawżoli, b’deskrizzjoni fil-qosor tal-miżuri tas-sigurtà;
  • li jikri sottoproċessur biss b’kunsens bil-miktub minn qabel tal-esportatur tad-data.

Klawżola 6: Responsabbiltà

Il-klawżoli jirrikjedu li l-partijiet jaqblu li kwalunkwe suġġett tad-data li jkun sofra danni bħala riżultat ta’ kwalunkwe ksur tal-obbligi huwa intitolat li jirċievi kumpens mill-esportatur tad-data għad-danni mġarrba.

Klawżola 7: Medjazzjoni u ġuriżdizzjoni

L-importatur tad-data għandu jaqbel li jekk is-suġġett tad-data jinvoka kontrih id-drittijiet ta’ parti terza benefiċjarja u/jew jitlob kumpens għad-danni, dan jaċċetta d-deċiżjoni tas-suġġett tad-data li jirreferi t-tilwima għal medjazzjoni indipendenti, jew lill-qrati fil-pajjiż tal-UE fejn l-esportatur tad-data huwa stabbilit (bid-dritt li jfittex rimedji taħt liġijiet nazzjonali jew internazzjonali oħra).

Klawżola 8: Kooperazzjoni mal-awtoritajiet superviżorji

Din il-klawżola tirregola l-kooperazzjoni mal-awtorità superviżorja kompetenti, billi tipprovdi li:

  • l-awtorità superviżorja għandha d-dritt li twettaq verifika tal-importatur tad-data, u ta’ kwalunkwe sottoproċessur;
  • l-importatur tad-data jaqbel li jinforma lill-esportatur tad-data dwar kwalunkwe leġiżlazzjoni li ma tippermettix verifika tal-importatur tad-data. F’każ bħal dan l-esportatur tad-data għandu jkun intitolat li jissospendi t-trasferiment tad-data jew itemm il-kuntratt.

Klawżola 9: Liġi regolatorja

Il-klawżoli għandhom jiġu rregolati mil-liġi nazzjonali tal-pajjiż tal-UE li fih huwa stabbilit l-esportatur tad-data.

Klawżola 10: Varjazzjoni tal-kuntratt

Il-partijiet m’għandhomx ivarjaw, jimmodifikaw jew jikkontradixxu l-klawżoli.

Klawżola 11: Sottoproċessar

Id-dispożizzjonijiet relatati mas-sottoproċessar għandhom jiġu rregolati mil-liġi tal-pajjiż tal-UE li fih huwa stabbilit l-esportatur tad-data.

Klawżola 12: Obbligu wara t-terminazzjoni tas-servizzi tal-ipproċessar ta’ data personali

Din il-klawżola tirregola l-obbligi tal-partijiet wara t-tmiem tal-ipproċessar ta’ data. B’mod partikolari, il-partijiet għandhom jaqblu li fl-aħħar tas-servizzi tal-ipproċessar ta’ data, l-importatur tad-data u s-sottoproċessur għandhom jirritornaw (jew jeqirdu, fuq talba) id-data personali kollha ttrasferita sakemm dan ma jkunx ipprojbit mil-leġiżlazzjoni.

MINN META ILHA TAPPLIKA D-DEĊIŻJONI?

Din ilha tapplika mill-15 ta’ Mejju 2010.

SFOND

TERMINI EWLENIN

Kontrollur tad-data: il-persuna fiżiċa jew ġuridika, l-awtorità pubblika, l-aġenzija jew korp ieħor li jiddetermina l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar ta’ data personali.
Data personali: kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ persuna (suġġett tad-data) li tista’ tiġi identifikata, direttament jew indirettament, b’isem, numru ta’ identifikazzjoni, data ta’ lokalizzazzjoni, identifikatur online jew relatata ma’ fatturi speċifiċi għall-identità fiżika, fiżjoloġika, ġenetika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali ta’ dik il-persuna.
Proċessur tad-data: persuna fiżika jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew korp ieħor li jipproċessa data personali f’isem il-kontrollur.

DOKUMENT EWLIENI

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/87/UE tal-5 ta’ Frar 2010 dwar klawżoli kuntrattwali standard għat-trasferiment ta’ data personali għall-proċessuri stabbiliti f’pajjiżi terzi, taħt id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 39, 12.2.2010, pp. 5-18)

L-emendi suċċessivi għad-Deċiżjoni 2010/87/UE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, pp. 1-88)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/915/KE, tas-27 ta’ Diċembru 2004, li temenda d-Deċiżjoni 2001/497/KE fir-rigward tal-introduzzjoni ta’ sett alternattiv ta’ klawżoli standard kontrattwali għat-trasferiment ta’ data personali lil pajjiżi terzi (ĠU L 385, 29.12.2004, pp. 74-84)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/497/KE tal-15 ta’ Ġunju 2001 dwar klawżoli standard kontrattwali għat-trasferiment ta’ data personali lil pajjiżi terzi, skont id-Direttiva 95/46/KE (ĠU L 181, 4.7.2001, pp. 19-31)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, pp. 31-50)

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 07.10.2020

Top