EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31999L0093

Id-Direttiva 1999/93/EC tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 1999 dwar kwadru tal-Komunità għall-firem elettroniċi

ĠU L 13, 19.1.2000, p. 12–20 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/06/2016; Imħassar b' 32014R0910

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1999/93/oj

31999L0093



Official Journal L 013 , 19/01/2000 P. 0012 - 0020


Id-Direttiva 1999/93/EC tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tat-13 ta' Diċembru 1999

dwar kwadru tal-Komunità għall-firem elettroniċi

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 47(2), 55 u 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara l-kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni [3],

Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 251 tat-Trattat [4],

Billi:

(1) Fis-16 ta' April 1997 il-Kummissjoni ppresentat lill Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni Komunikazzjoni dwar l-Inizjattiva Ewropea għall-Kummerċ Elettroniku;

(2) Fit-8 ta' Ottubru 1997 il-Kummissjoni ppresentat lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni Komunikazzjoni dwar l-assigurazzjoni tas-sigurtà u l-fiduċja fil-komunikazzjoni elettronika — lejn qafas Ewropew għall-firem diġitali u l-encryption;

(3) Fl-1 ta' Diċembru 1997 il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni biex tissottometti malajr kemm jista' jkun proposta għall-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-firem diġitali;

(4) Il-komunikazzjoni u l-kummerċ elettroniku jeħtieġu "firem elettroniċi" u servizzi relatati li jippermettu l-awtentikazzjoni tad-data; regoli diverġenti dwar l-għarfien legali tal-firem elettroniċi u l-akkreditazzjoni tal-provdituri ta' servizzi ta' ċertifikazzjoni fl-Istati Membri jista' joħloq ostakolu sinjifikanti fl-użu tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u l-kummerċ elettroniku; mill-banda l-oħra, kwadru ċar tal-Komunità fir-rigward tal-kondizzjonijiet li japplikaw għall-firem elettroniċi jsaħħaħ il-kunfidenza fi, u l-aċċettazzjoni ġenerali ta', t-teknoloġiji ġodda; il-leġislazzjoni fl-Istati Membri m'għandhiex tfixkel il-moviment liberu tal-merkanzija u s-servizzi fis-suq intern;

(5) L-interoperabilità ta' prodotti tal-firma elettronika għandha tiġi promossa; skond l-Artikolu 14 tat-Trattat, is-suq intern jikkomprendi żona mingħajr fruntieri nterni li fiha l-moviment liberu tal-merkanzija huwa assigurat; ħtiġiet essenzjali speċifiċi għall-prodotti tal-firma elettronika għandhom jintlaħqu sabiex jiġi żgurat moviment liberu ġewwa s-suq intern u biex tinbena l-fiduċja fil-firem elettroniċi, mingħajr preġudizzju għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3381/94 tad-19 ta' Diċembru 1994 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll ta' l-esportazzjoni ta' oġġetti b'użu doppju [5] u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/942/PESK tad-19 ta' Diċembru 1994 dwar l-azzjoni konġunta adottata mill-Kunsill dwar il-kontroll ta' l-esportazzjoni ta' oġġetti b'użu doppju [6]

(6) Din id-Direttiva ma tarmonizzax il-provvista ta' servizzi fir-rigward tal-konfidenzjalità ta' l-informazzjoni fejn huma koperti bid-dispożizzjonijiet nazzjonali li għandhom x'jaqsmu mal-politika pubblika u s-sigurtà pubblika;

(7) Is-suq intern jiżgura l-moviment liberu ta' persuni, li bħala riżultat tiegħu ċ-ċittadini u r-residenti ta' l-Unjoni Ewropea kull ma jmur tiżdidilhom il-ħtieġa li jittrattaw ma' awtoritajiet fi Stati Membri oħra barra minn dak li fih ikunu jirrisjedu; id-disponibilità tal-komunikazzjoni elettronika tista' tkun ta' servizz kbir f'dan ir-rigward;

(8) L-iżvilupp teknoloġiku rapidu u l-karattru globali ta' l-Internet iqanqal il-ħtieġa ta' approċċ li huwa miftuħ għat-teknoloġiji u servizzi li kapaċi li jawtentikaw id-data elettronikament;

(9) Il-firem elettroniċi jkunu jintużaw f'varjetà kbira ta' ċirkostanzi u applikazzjonijiet, li jirriżultaw f'firxa wiesgħa ta' servizzi u prodotti ġodda relatati ma' jew li jużaw firem elettroniċi; it-tifsira ta' dawn il-prodotti u s-servizzi m'għandhiex tkun limitata għall-ħruġ u l-amministrazzjoni ta' ċertifikati, iżda għandha wkoll tħaddan kull servizz u prodott ieħor li juża, jew anċillari għal, firem elettroniċi, bħal servizzi ta' reġistrazzjoni, servizzi ta' stampar tal-ħin, servizzi tad-direttorju, servizzi ta' informatika jew servizzi ta' konsulenza relatati mal-firem elettroniċi;

(10) Is-suq intern jippermetti lill-provdituri ta' servizzi ta' ċertifikazzjoni li jiżviluppaw l-attivitajiet trans-konfini tagħhom bil-ħsieb li jżidu l-kompetittività tagħhom, u b'hekk joffru lill-konsumaturi u lin-negozji opportunitajiet ġodda għall-iskambju ta' informazzjoni u li jikkummerċjaw elettronikament, b'mod fiż-żgur, irripettivament mill-fruntieri; sabiex tiġi stimulata l-provvista mal-Komunità kollha ta' servizzi ta' ċertifikazzjoni fuq networks miftuħa, il-provdituri tas-servizzi ta' ċertifikazzjoni għandhom ikunu ħielsa li jipprovdu s-servizzi tagħhom mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel; awtorizzazzjoni minn qabel tfisser mhux biss kull permess li bih il-provditur tas-servizzi ta' ċertifikazzjoni konċernat għandu jikseb deċiżjoni mill-awtoritajiet nazzjonali qabel ma jkun jista' jipprovdi s-servizzi tiegħu ta' ċertifikazzjoni, iżda kull miżura oħra li jkollha l-istess effett;

(11) Skemi ta' akkreditazzjoni volontarji mmirati lejn it-titjib tal-livell tal-provvista ta' servizzi jistgħu joffru lill-provdituri ta' servizzi ta' ċertifikazzjoni il-qafas adatt biex jiżviluppaw aktar is-servizzi tagħhom lejn il-livelli ta' fiduċja, sigurtà u kwalità mitluba minn suq li jevolvi; dawn l-iskemi għandhom jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta' l-aħjar prattiċi fost il-provdituri tas-servizzi ta' ċertifikazzjoni; il-provdituri ta' servizzi ta' ċertifikazzjoni għandhom jitħallew ħielsa li jaderixxu ma' u jibbenefikaw minn dawn l-iskemi ta' akkreditazzjoni;

(12) Is-servizzi ta' ċertifikazzjoni jistgħu jiġu offruti jew minn entità pubblika jew minn persuna legali jew naturali, meta tkun stabbilita skond il-liġi nazzjonali; billi l-Istati Membri m'għandhomx jipprojbixxu lill-provdituri ta' servizzi ta' ċertifikazzjoni milli joperaw barra l-iskemi volontarji ta' akkreditazzjoni; għandu jiġi żgurat li dawk l-iskemi ta' akkreditazzjoni ma jnaqqsux il-kompetizzjoni għas-servizzi taċ-ċertifikazzjoni;

(13) L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu kif jiżguraw is-sorveljanza tal-konformità mad-dispożizzjonijiet stipulati f'din id-Direttiva; din id-Direttiva ma tipprekludix li jiġu stabbiliti sistemi ta' sorveljanza bbażati fuq is-settur privat; din id-Direttiva ma tobbligax lill-provdituri tas-servizzi ta' ċertifikazzjoni li japplikaw biex ikunu sorveljati taħt xi skema applikabbli ta' akkreditazzjoni;

(14) Huwa importanti li jintlaħaq bilanċ bejn il-ħtiġiet tal-konsumatur u l-ħtiġiet tal-kummerċ;

(15) L-Anness III ikopri l-ħtiġiet għal mekkaniżmi ta' sikurezza għall-ħolqien ta' firma biex tiġi żgurata l-funzjonalità tal-firem elettroniċi avvanzati; ma jkoprix l-ambjent sħiħ tas-sistema kollha li fih dawk il-mekkaniżmi joperaw; l-iffunzjonar tas-suq intern jitlob li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jaġixxu malajr biex jippermettu lill-korpi li għandhom il-kompitu ta' l-istima tal-konformità tal-mekkaniżmi ta' sikurezza tal-firem ma' l-Anness III li jiġu maħtura; sabiex jintlaħqu l-ħtiġiet tas-suq l-istima tal-konformità għandha tkun f'waqtha u effiċjenti;

(16) Din id-Direttiva tikkontribwixxi għall-użu u l-għarfien legali tal-firem elettroniċi fil-Komunità; kwadru regolatorju mhux meħtieġ għall-firem elettroniċi esklussivament użati fis-sistemi, li huma bażati fuq ftehim volontarji taħt il-liġi privata bejn numru speċifikat ta' parteċipanti; il-libertà tal-partijiet li jiftehmu bejniethom it-termini u l-kondizzjonijiet li taħthom jaċċettaw data iffirmata elettronikament għandha tiġi rispettata sal-limitu permess mill-liġi nazzjonali; l-effettività legali tal-firem elettroniċi wżati f'dawn is-sistemi u l-ammissibilità tagħhom bħala xhieda fi proċeduri legali għandha tiġi rikonoxxuta;

(17) Din id-Direttiva ma tfittix li tarmonizza r-regoli nazzjonali li jikkonċernaw il-liġi tal-kuntratti, b'mod partikolari l-formazzjoni u t-twettieq ta' kuntratti, jew formalitajiet oħra ta' natura mhux kuntrattwali li tikkonċerna l-firem; għal din ir-raġuni d-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-effett legali tal-firem elettroniċi għandhom ikunu bla preġudizzju għall-ħtiġiet li jirrigwardaw il-forma stabbiliti fil-liġi nazzjonali fir-rigward tal-konklużjoni ta' kuntratti jew ir-regoli li jistabbilixxu fejn il-kuntratt jiġi konkluż;

(18) Il-ħażna u l-ikkupjar tad-data tal-ħolqien tal-firem tista' toħloq theddida għall-validità legali tal-firem elettroniċi;

(19) Il-firem elettroniċi jintużaw fis-settur pubbliku fi ħdan amministrazzjonijiet nazzjonali jew tal-Komunità u f'komunikazzjonijiet bejn amministrazzjonijiet bħal dawn u ma' ċittadini u operaturi ekonomiċi, per eżempju fl-akkwisti pubbliċi, fit-tassazzjoni, fis-sigurtà soċjali, is-saħħa u sistemi ġudizzjarji;

(20) Il-kriterji armonizzati li jirrelataw ma' l-effetti legali tal-firem elettroniċi għandhom jippriżervaw kwadru koerenti legali mal-Komunità kollha; il-liġi nazzjonali tistabbilixxi l-ħtiġiet differenti għall-validità legali ta' firem magħmula bl-idejn; billi ċ-ċertifikati jistgħu jintużaw biex jikkonfermaw l-identità ta' persuna li tiffirma elettronikament; firem elettroniċi avvanzati bbażati fuq ċertifikati kwalifikati jimmiraw għal livell ogħla ta' sigurtà; firem elettroniċi avvanzati li huma bbażati fuq ċertifikat kwalifikat li huma maħluqa b'mekkaniżmu ta' sikurezza għall-ħolqien tal-firem jistgħu jitqiesu bħala legalment ekwivalenti għall-firem miktuba bl-idejn biss jekk il-ħtiġiet għall-firem miktuba bl-idejn huma sodisfatti;

(21) Sabiex isir kontribuzzjoni għall-aċċettazzjoni ġenerali tal-metodi elettroniċi ta' awtentikazzjoni għandu jiġi żgurat li l-firem elettroniċi jkunu jistgħu jintużaw bħala xhieda fi proċeduri legali fl-Istati Membri kollha; l-għarfien legali tal-firem elettroniċi għandu jkun ibbażat fuq kriterji oġġettivi u mhux marbuta ma' awtorizzazzjoni tal-provditur tas-servizzi elettroniċi nvolut; il-liġi nazzjonali tirregola l-isferi legali li fihom dokumenti elettroniċi u firem elettroniċi jistgħu jintużaw; din id-Direttiva hija bla preġudizzju għas-setgħa ta' qorti nazzjonali li tagħti deċiżjoni fir-rigward tal-konformità mal-ħtiġiet ta' din id-Direttiva u ma teffettwax ir-regoli nazzjonali li jirrigwardaw il-konsiderazzjoni ġudizzjarja bla rbit tax-xhieda;

(22) Il-provdituri ta' servizzi ta' ċertifikazzjoni li jipprovdu servizzi ta' ċertifikazzjoni lill-pubbliku huma suġġetti għar-regoli nazzjonali fir-rigward tar-responsabbiltà;

(23) L-iżvilupp tal-kummerċ elettroniku internazzjonali jeħtieġ arranġamenti trans-konfini li jinvolvu pajjiżi terzi; sabiex tiġi żgurata l-interoperabilità f'livell globali, ftehim dwar ir-regoli multilaterali ma' pajjiżi terzi u rikonoxximent reċiproku tas-servizzi ta' ċertifikazzjoni jistgħu jkunu ta' benefiċċju;

(24) Sabiex tiżdied il-kunfidenza ta' l-utent fil-komunikazzjoni elettronika u fil-kummerċ elettroniku, il-provdituri ta' servizzi ta' ċertifikazzjoni għandhom josservaw il-leġislazzjoni tal-protezzjoni tad-data u tal-privatezza ndividwali;

(25) Id-dispożizzjonijiet dwar l-użu ta' psewdonemi fiċ-ċertifikati m'għandhomx jipprevjenu lill-Istati Membri milli jeħtieġu l-identifikazzjoni ta' persuni skond il-liġi tal-Komunità jew dik nazzjonali;

(26) Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni [7];

(27) Sentejn wara l-implimentazzjoni tagħha l-Kummissjoni għandha twettaq reviżjoni ta' din id-Direttiva sabiex, inter alia, tiżgura li l-avvanz tat-teknoloġija jew il-bidliet fl-ambjent legali ma jkunux ħolqu ostakoli għall-ksib tal-miri dikjarati f'din id-Direttiva; għandha teżamina l-implikazzjonijiet ta' l-oqsma tekniċi assoċjati u tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar dan is-suġġett;

(28) Skond il-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità kif stabbiliti fl-Artikolu 5 tat-Trattat, il-mira tal-ħolqien ta' kwadru legali armonizzat għall-provvista ta' firem elettroniċi u servizzi relatati ma tistax tintlaħaq b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri u tista' għalhekk tintlaħaq aħjar mill-Komunità; din id-Direttiva ma tmurx l hinn minn dak li hu meħtieġ biex tintlaħaq dik il-mira,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Kamp ta' applikazzjoni

L-iskop ta' din id-Direttiva huwa li jiġi ffaċilitat l-użu tal-firem elettroniċi u li tikkontribwixxi għall-għarfien legali tagħhom. Hi tistabbilixxi kwadru legali għall-firem elettroniċi u ċerti servizzi ta' ċertifikazzjoni sabiex tiżgura il-funzjonament sew tas-suq intern.

Ma tkoprix aspetti relatati mal-konklużjoni u l-validità ta' kuntratti jew obbligi legali oħra fejn hemm ħtiġiet fir-rigward tal-forma preskritti mill-liġi nazzjonali jew dik tal-Komunità u lanqas ma taffettwa r-regoli u l-limiti, li jinsabu fil-liġi nazzjonali jew dik tal-Komunità, li jirregolaw l-użu ta' dokumenti.

Artikolu 2

Tifsiriet

Għall-iskop ta' din id-Direttiva:

1. "firma elettronika" tfisser data f'forma elettronika li hija marbuta ma' jew loġikament assoċjata ma' data elettronika oħra u li sservi bħala metodu ta' awtentifikazzjoni;

2. "firma elettronika avvanżata" tfisser firma elettronika li tikkonforma mal-ħtiġiet li ġejjin:

(a) hija unikament marbuta mal-firmatarju;

(b) hija kapaċi li tidentifika l-firmatarju;

(ċ) hija maħluqa bl-użu ta' mezzi li l-firmatarju jista' jżomm taħt il-kontroll uniku tiegħu; u

(d) hija marbuta mad-data li tirrelata għaliha b'mod li kull bidla sussegwenti tad-data tkun tista' tiġi iskoperta;

3. "firmatarju" tfisser persuna li jkollha mekkaniżmu għall-ħolqien tal-firma u jaġixxi jew f'ismu jew f'isem persuna naturali jew legali jew l-entità li jirrappresenta;

4. "data dwar il-ħolqien tal-firma" tfisser data unika, bħal kodiċi jew ċwievat privati kriptografiċi, li jintużaw mill-firmatarju biex joħloq firma elettronika;

5. "mekkaniżmu għall-ħolqien tal-firma" tfisser software konfigurat jew hardware użat għall-implimentazzjoni tad-data dwar il-ħolqien tal- firma;

6. "mekkaniżmu ta' sikurezza għall-ħolqien tal-firma" tfisser mekkaniżmu dwar il-ħolqien tal-firma li jissodisfa l-ħtiġiet stipulati fl-Anness III;

7. "data għall-verifika tal-firma" tfisser data, bħal kodiċi jew ċwievet pubbliċi kriptografiċi, li jintużaw għall-iskop tal-verifika ta' firma elettronika;

8. "mekkaniżmu tal-verifika tal-firma" tfisser software konfigurat jew hardware użat għall-implimentazzjoni tad-data dwar il-verifika tal-firma;

9. "ċertifikat" tfisser attestazzjoni elettronika li torbot id-data dwar il-verifika tal-firma ma' persuna u tikkonferma l-identità ta' dik il-persuna;

10. "ċertifikat kwalifikat" tfisser ċertifikat li jissodisfa l-ħtiġiet speċifikati fl-Anness I u huwa provdut minn provditur ta' servizzi ta' ċertifikazzjoni li jissodisfa l-ħtiġiet stipulati fl-Anness II;

11. "provditur ta' servizz taċ-ċertifikazzjoni" tfisser entità jew persuna legali jew naturali li toħroġ ċertifikati jew tipprovdi servizzi oħra relatati mal-firem elettroniċi;

12. "prodott ta' firma elettronika" tfisser hardware jew software, jew komponenti relevanti tagħhom, li huma maħsuba biex jintużaw minn provditur ta' servizzi ta' ċertifikazzjoni għall-provvista ta' servizzi tal-firem elettroniċi jew huma maħsuba li jintużaw għall-ħolqien jew il-verifika ta' firem elettroniċi;

13. "akkreditazzjoni volontarja" tfisser kull permess, li jistabbilixxi drittijiet u obbligi speċifiċi għall-provvista ta' servizzi ta' ċertifikazzjoni, li għandu jingħata fuq talba mill-provditur ta' servizzi ta' ċertifikazzjoni konċernat, mill-korp pubbliku jew privat li għandu l-kompitu ta' l-elaborazzjoni ta', jew is-sorveljanza tal-konformità ma', dawn id-drittijiet u l-obbligi, fejn il-provditur tas-servizzi ta' ċertifikazzjoni ma jkunx intitolat li jeżerċita d-drittijiet li joħorġu mill-permess sakemm ma jkunx irċieva d-deċiżjoni mill-korp.

Artikolu 3

Aċċess għas-suq

1. L-Istati Membri m'għandhomx jagħmlu l-provvista ta' servizzi ta' ċertifikazzjoni suġġetta għall-awtorizzazzjoni minn qabel.

2. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jintroduċu jew iżommu skemi ta' akkreditazzjoni volontarji mmirati lejn livelli mtejba tal-provvista tas-servizzi ta' ċertifikazzjoni. Il-kondizzjonijiet kollha li jirrelataw ma' dawn l-iskemi għandhom ikunu oġġettivi, trasparenti, proporzjonati u mhux diskriminatorji. L-Istati Membri ma jistgħux jillimitaw in-numru ta' provdituri akkreditati tas-servizzi ta' ċertifikazzjoni minħabba raġunijiet li jaqgħu fl-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

3. Kull Stat Membru għandu jassigura l-istabbiliment ta' sistema adatta li tippermetti għas-sorveljanza tal-provdituri tas-servizzi ta' ċertifikazzjoni li huma stabbiliti fuq it-territorju tiegħu u li joħorġu ċertifikati kwalifikati lill-pubbliku.

4. Il-konformità tal-mekkaniżmi ta' sikurezza għall-ħolqien tal-firem mal-ħtiġiet stipulati fl-Anness III għandhom jiġu stabbiliti minn korpi adatti pubbliċi jew privati maħtura mill-Istati Membri. Il-Kummissjoni għandha, skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 9, tistabbilixxi l-kriterji għall-Istati Membri biex jistabbilixxu jekk korp għandux jiġi maħtur.

L-istabbiliment tal-konformità mal-ħtiġiet stipulati fl-Anness III magħmula mill-korpi msemmija fl-ewwel subparagrafu għandu jiġi rikonoxxut mill-Istati Membri kollha.

5. Il-Kummissjoni tista', skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 9, tistabbilixxi u tippublika numri ta' referenza ta' standards ġeneralment rikonoxxuti għall-prodotti tal-firem elettroniċi fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. L-Istati Membri għandhom jippreżumu li jkun hemm il-konformità mal-ħtiġiet stipulati fl-Anness II, punt (f), u l-Anness III meta prodott tal-firem elettroniċi jissodisfa dawk l-istandards.

6. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jaħdmu flimkien biex jippromwovu l-iżvilupp u l-użu tal-mekkaniżmi tal-verifika tal-firem fid-dawl tar-rakkomandazzjonijiet dwar il-verifika tas-siġurtà tal-firem stipulati fl-Anness IV u fl-interessi tal-konsumatur.

7. L-Istati Membri jistgħu jagħmlu l-użu ta' firem elettroniċi fis-settur pubbliku suġġett għal aktar ħtiġiet addizzjonali possibbli. Dawk il-ħtiġiet għandhom ikunu oġġettivi, trasparenti, proporzjonati u mhux diskriminatorji u għandhom jirrelataw biss mal-karatteristiċi speċifiċi ta' l-applikazzjoni konċernata. Dawk il-ħtiġiet m'għandhomx jikkostitwixxu ostakolu għas-servizzi trans-konfini għaċ-ċittadini.

Artikolu 4

Prinċipji tas-suq intern

1. Kull Stat Membru għandu japplika d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jadotta skond din id-Direttiva għall-provdituri tas-servizzi ta' ċertifikazzjoni stabbiliti fit-territorju tiegħu u għas-servizzi li jipprovdu. L-Istati Membri m'għandhomx jirrestrinġu l-provvista ta' servizzi ta' ċertifikazzjoni li joriġinaw minn Stat Membru ieħor fl-oqsma koperti b'din id-Direttiva.

2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-prodotti tal-firem elettroniċi li jikkonformaw ma' din id-Direttiva jkunu permessi li jiċċirkolaw liberament fis-suq intern.

Artikolu 5

Effetti legali tal-firem elettroniċi

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-firem elettroniċi avvanzati li huma bbażati fuq ċertifikat kwalifikat u li huma maħluqa minn mekkaniżmu ta' sikurezza għall-ħolqien tal-firem:

(a) jissodisfaw il-ħtiġiet legali ta' firma b'relazzjoni mad-data f'forma elettronika fl-istess mod li firma miktuba bl-idejn tissodisfa dawk il-ħtiġiet b'relazzjoni ma' data ibbażata fuq il-karti; u

(b) huma ammissibbli bħala evidenza fi proċeduri legali.

2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li firma elettronika ma tiġix miċħuda l-effettività legali u l-ammissibbilità bħala evidenza fi proċeduri legali unikament minħabba li hija:

- f'forma elettronika, jew

- mhux ibbażata fuq ċertifikat kwalifikat, jew

- mhux ibbażata fuq ċertifikat kwalifikat maħruġ minn provditur akkreditat tas-servizzi ta' ċertifikazzjoni, jew

- jew mhux maħluqa minn mekkaniżmu ta' sikurezza għall-ħolqien tal-firem.

Artikolu 6

Responsabbiltà

1. Bħala minimu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li billi joħorġu ċertifikat bħala ċertifikat kwalifikat lill-pubbliku jew billi jiġġarantixxu ċertifikat bħal dan lill-pubbliku provditur tas-servizzi ta' ċertifikazzjoni jkun responsabbli għad — danni kawżati lil xi entità jew persuna legali jew naturali li raġonevolment toqgħod fuq dak iċ-ċertifikat:

(a) fir-rigward ta' l-eżattezza fiż-żmien tal-ħruġ ta' l-informazzjoni kollha li tkun tinsab fiċ-ċertifikat kwalifikat u fir-rigward tal-fatt li ċ-ċertifikat ikun fih id-dettalji kollha preskritti għal ċertifikat kwalifikat;

(b) għall-assigurazzjoni li fiż-żmien tal-ħruġ taċ-ċertifikat, il-firmatarju identifikat fiċ-ċertifikat kwalifikat kellu d — data dwar il-ħolqien tal-firma li tikkorrispondi mad-data tal-verifika tal-firma mogħtija jew identifikata fiċ-ċertifikat;

(ċ) għall-assigurazzjoni li d-data dwar il-ħolqien tal-firma u d-data dwar il-verifika tal-firma tista' tintuża b'mod komplimentari fil-każi fejn il-provditur tas-servizzi ta' ċertifikazzjoni jiġġenerhom it-tnejn;

sakemm il-provditur tas-servizzi ta' ċertifikazzjoni ma jippruvax li ma jkunx agixxa b'mod negliġenti.

2. Bħala minimu l-Istati Membri għandhom jiżguraw li provditur tas-servizzi ta' ċertifikazzjoni li jkun ħareġ ċertifikat bħala ċertifikat kwalifikat lill-pubbliku ikun responsabbli għad-danni kkawżati lil xi entità jew persuna legali jew naturali li raġonevolment toqgħod fuq iċ-ċertifikat minħabba n-nuqqas tar-reġistrazzjoni tar-revoka taċ-ċertifikat sakemm il-provditur tas-servizzi ta' ċertifikazzjoni ma jippruvax li ma jkunx aġixxa b'mod negliġenti.

3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li provditur tas-servizzi ta' ċertifikazzjoni jista' jindika fuq ċertifikat kwalifikat limitazzjonijiet dwar l-użu ta' dak iċ-ċertifikat, basta li l-limitazzjonijiet ikunu jistgħu jintgħarfu minn partijiet terzi. Il-provditur tas-servizzi ta' ċertifikazzjoni m'għandux ikun responsabbli għal danni li joħorġu mill-użu ta' ċertifikat kwalifikat li jeċċedi l-limitazzjonijiet imposti fuqu.

4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li provditur tas-servizzi ta' ċertifikazzjoni jista' jindika fiċ-ċertifikat limitu fuq il-valur tat-transazzjonijiet li għalihom iċ-ċertifikat jista' jintuża, basta li dak il-limitu jkun jista' jintgħaraf minn partijiet terzi.

Il-provditur tas-servizzi ta' ċertifikazzjoni m'għandux ikun responsabbli għal dannu li jirriżulta meta dan il-limitu massimu jinqabeż.

5. Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1 sa 4 għandhom kunu mingħajr preġudizzju għad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta April 1993 dwar termini nġusti fil-kuntratti tal-konsumaturi [8].

Artikolu 7

Aspetti internazzjonali

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ċ-ċertifikati li huma maħruġa bħala ċertifikati kwalifikati lill-pubbliku minn provditur tas-servizzi ta' ċertifikazzjoni stabbilit f'pajjiż terz ikunu rikonoxxuti bħala legalment ekwivalenti għaċ-ċertifikati maħruġa minn provditur tas-servizzi ta' ċertifikazzjoni stabbilit fil-Komunità jekk:

(a) il-provditur tas-servizzi ta' ċertifikazzjoni jissodisfa l-ħtiġiet stipulati f'din id-Direttiva u jkun ġie akkreditat taħt skema ta' akkreditazzjoni volontarja stabbilita fi Stat Membru; jew

(b) provditur tas-servizzi ta' ċertifikazzjoni stabbilit fil-Komunità li jissodisfa l-ħtiġiet stipulati f'din id-Direttiva jiggarantixxi ċ-ċertifikat; jew

(ċ) iċ-ċertifikat jew il-provditur tas-servizzi ta' ċertifikazzjoni jkun rikonoxxut taħt ftehim bilaterali jew multilaterali bejn il-Komunità u pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali.

2. Sabiex jiġu ffaċilitati s-servizzi ta' ċertifikazzjoni trans-konfini ma' pajjiżi terzi u għarfien legali għall-firem elettroniċi avvanzati li joriġinaw f'pajjiżi terzi, il-Kummissjoni għandha tagħmel proposti, fejn xieraq, biex tinkiseb l-implimentazzjoni effettiva ta' l-i standards u l- ftehim internazzjonali applikabbli għas-servizzi ta' ċertifikazzjoni. B'mod partikolari, u fejn meħtieġ, għandha tissottometti proposti lill-Kunsill għall-mandati adatti għan-negozjar ta' ftehim bilaterali u multilaterali ma' pajjiżi terzi u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali. Il-Kunsill għandu jiddeċiedi b'maġġoranza kwalifikata.

3. Kull meta l-Kummissjoni tiġi nfurmata b'xi diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom intrapriżi tal-Komunità fir-rigward ta' l-aċċess għas-suq f'pajjiżi terzi, hi tista', jekk meħtieġ, tissottometti proposti lill-Kunsill għal mandat xieraq għan-negozjar ta' drittijiet komparabbli għall-impriżi tal-Komunità f'dawn il-pajjiżi terzi. Il-Kunsill għandu jiddeċiedi b'maġġoranza kwalifikata.

Il-miżuri meħuda skond dan il-paragrafu għandhom ikunu bla preġudizzju għall-obbligi tal-Komunità u ta' l-Istati Membri taħt il-ftehim internazzjonali relevanti.

Artikolu 8

Protezzjoni tad-data

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-provdituri tas-servizzi ta' ċertifikazzjoni u l-korpi nazzjonali responsabbli għall-akkreditazzjoni jew is-sorveljanza jikkonformaw mal-ħtiġiet stipulati fid-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data [9].

2. L-Istati Membri għandhom jisguraw li provditur tas-servizzi ta' ċertifikazzjoni li joħroġ ċertifikat lill-pubbliku jista' jiġbor data personali biss direttament mis-suġġett tad-data, jew wara l-kunsens espliċitu tas-suġġett tad-data, u biss sal-limitu li jkun meħtieġ għall-iskopijiet tal-ħruġ u l-manteniment taċ-ċertifikat. Id-data ma tistax tinġabar jew tiġi pproċessata għal xi skopijiet oħra mingħajr il-kunsens espliċitu tas-suġġett tad-data.

3. Mingħajr preġudizzju għall-effett legali mogħti lil-psewdonomi taħt il-liġi nazzjonali, l-Istati Membri m'għandhomx jipprevjenu lill-provdituri tas-servizzi ta' ċertifikazzjoni milli jindikaw fiċ-ċertifikat psewdonimu minflok l-isem tal-firmatarju.

Artikolu 9

Kumitat

1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn "Kumitat tal-Firem Elettroniċi", hawnhekk iżjed "l quddiem imsejjaħ" il-kumitat.

2. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perjodu stipulat fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi ffissat bħala ta' tlett xhur.

3. Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli tiegħu stess ta' proċedura.

Artikolu 10

Kompiti tal-kumitat

Il-kumitat għandu jikkjarifika l-ħtiġiet stipulati fl-Annessi li jinsabu ma' din id-Direttiva, il-kriterji msemmija fl-Artikolu 3(4) u l — istandards ġeneralment rikonoxxuti għall-prodotti tal-firem elettroniċi stabbiliti u ppublikati skond l-Artikkolu 3(5), skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 9(2).

Artikolu 11

Notifika

1. L-Istai Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b'dan li ġej:

(a) informazzjoni dwar l-iskemi nazzjonali volontarji ta' akkreditazzjoni, inklużi kull ħtiġiet addizzjonali skond l-Artikolu 3(7);

(b) l-ismijiet u l-indirizzi tal-korpi nazzjonali responsabbli għall-akkreditazzjoni u s-sorveljanza kif ukoll tal-korpi msemmija fl-Artikolu 3(4);

(ċ) l-ismijiet u l-indirizzi tal-provdituri tas-servizzi ta' ċertifikazzjoni akkreditati nazzjonali kollha.

2. Kull informazzjoni provduta taħt il-paragrafu 1 u l-bdil dwar dik l-informazzjoni għandu jkun notifikat mill-Istati Membri mill-aktar fis possibbli.

Artikolu 12

Reviżjoni

1. Il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-operazzjoni ta' din id-Direttiva u tirrapporta dwar dan lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sad-19 ta' Lulju 2003 l-aktar tard.

2. Ir-reviżjoni għandha inter alia tistma jekk il-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva għandux jiġi modifikat, waqt li jittieħed kont ta' l-iżviluppi teknoloġiċi, tas-suq u legali. Ir-rapport għandu b'mod partikolari jinkludi stima, fuq il-bażi ta' l-esperjenza miksuba, ta' aspetti ta' armonizzazzjoni. Ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, fejn xieraq, bi proposti leġislattivi.

Artikolu 13

Implimentazzjoni

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva qabel id-19 ta' Lulju 2001. Għandhom minnufih javżaw b'dan lill-Kummissjoni.

Meta Stat Membru jadotta dawn il-miżuri, għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta' kif issir dik ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi domestika li huma jadottaw fil-qasam regolat b'din id-Direttiva.

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 15

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lil l-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fit-13 ta' Diċembru 1999.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

N. Fontaine

Għall-Kunsill

Il-President

S. Hassi

[1] ĠU C 325, 23.10.98, p. 5

[2] ĠU C 40, tal-15.2.1999, p. 29.

[3] ĠU C 93, tas-6.4.1999, p. 33.

[4] Opinjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Jannar 1999 (ĠU C 104, ta' l-14.4.1999, p. 49), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tat-28 ta' Ġunju 1999 (ĠU C 243, tas-27.8.1999, p. 33) u Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' Ottubru 1999 (għada mhux pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Deċiżjoni tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 1999.

[5] ĠU L 367, tal-31.12.1994, p. 1. Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 837/95 (ĠU L 90, tal-21.4.1995, p. 1).

[6] ĠU L 367, tal-31.12.1994, p. 8. Deċiżjoni kif l-aħħar emendata bid-Deċiżjoni 99/193/CFSP (ĠU L 73, tad-19.3.1999, p. 1).

[7] ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

[8] ĠU L 95, tal-21.4.1993, p. 29.

[9] ĠU L 281, tat-23.11.1995, p. 31.

--------------------------------------------------

HASSIL-ANNESS

Ħtiġiet għaċ-ċertifikati kwalifikati

Iċ-ċertifikati kwalifikati għandu jkun fihom:

(a) indikazzjoni li ċ-ċertifikat huwa maħruġ bħala ċertifikat kwalifikat;

(b) l-identifikazzjoni tal-provditur tas-servizzi ta' ċertifikazzjoni u l-Istat li fih ikun stabbilit;

(ċ) l-isem tal-firmatarju jew il-psewdonemu, li għandu jiġi identifikat bħala tali;

(d) dispożizzjoni għal attribut speċifiku tal-firmatarju għandha tiġi nkluża fejn relevanti, skond l-iskop li għalih iċ-ċertifikat huwa maħsub;

(e) id-data dwar il-verifika tal-firma li tikkorrispondi mad-data tal-ħolqien tal-firma taħt il-kontroll tal-firmatarju;

(f) indikazzjoni tal-bidu u tat-tmiem tal-perijodu tal-validità taċ-ċertifikat;

(g) il-kodiċi ta' l-identità taċ-ċertifikat;

(h) il-firma elettronika avvanzata tal-provditur tas-servizzi ta' ċertifikazzjoni li jkun ħariġha;

(i) il-limitazzjonijiet ta' l-iskop ta' l-użu taċ-ċertifikat, fejn japplika; u

(j) il-limiti fuq il-valur tat-transazzjonijiet li għalihom iċ-ċertifikat jista' jintuża, fejn japplika.

--------------------------------------------------

L-ANNESS II

Ħtiġiet għall-provdituri tas-servizzi ta' ċertifikazzjoni li joħorġu ċertifikati kwalifikati

Il-provdituri tas-servizzi ta' ċertifikazzjoni għandhom:

(a) juru l-affidabilità meħtieġa għall-provvista ta' servizzi ta' ċertifikazzjoni;

(b) jiżguraw l-operazzjoni ta' direttorju f'waqtu u fiż-żgur u ta' servizz fiż-żgur u immedjat ta' revoka;

(ċ) jiżguraw li d-data u l-ħin ta' meta ċertifkat jiġi maħruġ jew revokat tkun tista' tiġi stabbilita b'mod preċiż;

(d) jivverifikaw, b'mezzi adatti skond il-liġi nazzjonali, l-identità u, fejn japplika, kull attribwit speċifiku tal-persuna li lilha jinħareġ ċertifikat kwalifikat;

(e) iħaddmu mpjegati li jkollhom l-għarfien espert, l-esperjenza, u l-kwalifiki meħtieġa għas-servizzi provduti, b' mod partikolari kompetenza fil-livell amministrattiv, esperjenza fit-teknoloġija tal-firem elettroniċi u familjarità mal-proċeduri proprji ta' sigurtà; għandhom ukoll japplikaw proċeduri amministrattivi u maniġerjali li huma adegwati u li jikkorrispondu ma standards rikonoxxuti;

(f) jużaw sistemi affidabli u prodotti li huma protetti kontra l-modifikazzjoni u jiżguraw li s-sigurtà teknika u kriptografika tal-proċess sostnut minnhom;

(g) jieħdu miżuri kontra l-falsifikazzjoni taċ-ċertifikati, u, f'każi fejn il-provditur tas-servizzi ta' ċertifikazzjoni jiġġenera data għall-ħolqien tal-firma, jiggarantixxu l-konfidenzjalità matul il-proċess ta' l-iġġenerar ta' din id-data;

(h) iżommu riżorsi finanzjarji suffiċjenti biex joperaw b'konformità mal-ħtiġiet stipulati fid-Direttiva, b'mod partikolari li jġorru r-riskju tar-responsabbiltà għad-danni, per eżempju, billi jiksbu assigurazzjoni adatta;

(i) jirreġistraw kull informazzjoni relevanti li tikkonċerna ċertifikat kwalifikat għal perjodu ta' żmien adatt, b'mod partikolari għall-iskop li jipprovdu evidenza taċ-ċertifikazzjoni għall-iskopijiet ta' proċeduri legali. Dan ir-reġistrazzjoni jista' jsir elettronikament;

(j) ma jaħżnux jew jikkupjaw data ta' ħolqien tal-firma tal-persuna li lilha l-provditur tas-servizzi ta' ċertifikazzjoni jipprovdilha servizzi ta' amministrazzjoni taċ-ċavetta;

(k) qabel ma jidħlu f'relazzjoni kontrattwali ma' persuna li tkun qed tfittex ċertifikat biex issostni l-firma elettronika tagħha jinformaw lil dik il-persuna b'mezz durabbli ta' komunikazzjoni bit-termini u l-kondizzjoniet preċiżi ta' l-użu taċ-ċertifikat, inkluża kull limitazzjoni fuq l-użu tiegħu, l-esiżtenza ta' skema volontarja ta' akkreditazzjoni u l-proċeduri għal ilmenti u s-soluzzjoni ta' disputi. Din l-informazzjoni, li tista' tintbagħat elettronikament, għandha tkun bil-miktub u fl-lingwaġġ li jista' jiftiehem faċilment. Il-partijiet relevanti ta' din l-informazzjoni għandhom ukoll jintgħamlu disponibbli fuq talba lill-partijiet terzi li joqgħodu fuq iċ-ċertifikat;

(l) jużaw sistemi affidabbli biex jaħżnu ċ-ċertifikati f'forma li tista' tiġi verifikata sabiex:

- persuni awtorizzati biss jitgħu jagħmlu daħliet u bdil,

- l-informazzjoni tkun tista' tiġi verifikata għall-awtentiċità,

- iċ-ċertifikati jkunu pubblikament disponibbli biex jinġabru lura biss f'dawk il-każi li għalihom ikun inkiseb l-kunsens tad-detentur taċ-ċertifikat, u

- kull bidliet tekniċi li jikkompromettu dawn il-ħtiġiet ta' sigurtà jkunu jidhru biċ-ċar għall-operatur.

--------------------------------------------------

L-ANNESS III

Ħtiġiet għall-mekkaniżmi ta' sikurezza għall-ħolqien tal-firem

1. Il-mekkaniżmi ta' sikurezza għall-ħolqien tal-firem għandhom, permezz ta' mezzi tekniċi u proċedurali xierqa, jiżguraw ta' l-anqas li:

(a) id-data dwar il-ħolqien tal-firma wżata għall-ġenerazzjoni tal-firma tkun prattikament tista’ tiġri darba biss, u li s-segretezza tagħha tkun raġonevolment assigurata;

(b) id-data dwar il-ħolqien tal-firma wżat għall-ġenerazzjoni tal-firma ma tistax, b'assigurazzjoni raġonevoli, tiġi derivata u li l-firma tiġi protetta kontra l-falsifikazzjoni bl-użu tat-teknoloġija kurrentement disponibbli;

(ċ) id-data dwar il-ħolqien tal-firma wżat għall-ġenerazzjoni tal-firma tkun tista’ tiġi protetta b'mod ta' min jorbot fuqu mill-firmatarju leġittimu kontra l-użu minn oħrajn.

2. Il-mekkaniżmi ta' sikurezza għall-ħolqien tal-firma m'għandhomx jibdlu d-data li għandha tiġi ffirmata jew jipprevjenu li dik id-data tiġi presentata lill-firmatarju qabel il-proċess tal-firma.

--------------------------------------------------

L-ANNESS IV

Rakkomandazzjonijiet għall-verifika fiż-żgur tal-firma

Matul il-proċess tal-verifika tal-firma għandu jiġi żgurat b'ċertezza raġonevoli li:

(a) id-data użata għall-verifika tal-firma tkun tikkorrispondi mad-data murija lill-verifikatur;

(b) il-firma tkun verifikata b'mod ta' min jorbot fuqu u li r-riżultat ta' dik il-verifika jintwera b'mod korrett;

(ċ) il-verifikatur jista’, fejn meħtieġ, jistabbilixxi b'mod affidabbli il-kontenuti tad-data iffirmata;

(d) l-awtentiċità u l-validità taċ-ċertifikat meħtieġa fiż-żmien tal-verifika tal-firma ikunu verifikati b'mod ta' min jorbot fuqu;

(e) ir-riżultat tal-verifika u l-identità tal-firmatarju jintwerew b'mod korrett;

(f) l-użu ta' psewdonimu jkun indikat b'mod ċar; u

(g) kull bidla relevanti mas-sigurta tkun tista’ tiġi skoperta.

--------------------------------------------------

Top